Linji gwida għall-iskema
Din l-iskema hi għal persuni li għandhom impjieg bi qligħ u li jkunu temmew wieħed mill-korsijiet tal-Jobsplus u li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-ammont ta’ €300 (bażiku) fil-ġimgħa. Applikanti eliġibbli huma meħtieġa jattendu minimu ta' erba' siegħat ta' taħriġ fil-ġimgħa. Is-sussidju massimu hu ta' €25 fil-ġimgħa anke jekk l-applikant ikun qed jattendi aktar minn kors wieħed. Il-ħlas huwa bbażat fuq is-sigħat li jattendi l-applikant u t-tul tal-kors. Persuni li jtemmu jew jitilqu mill-kors, u/jew ikollhom assenzi, li jipprekluduhom milli joqogħdu għall-assessjar finali (fejn applikabbli), mhumiex eliġibbli għal dan is-sussidju.
Kriterji ta' eliġibilità
- Il-paga ma taqbiżx €300 (bażika) fil-ġimgħa;
- L-attendenza minima hija ta' erba' siegħat ta' taħriġ fil-ġimgħa;
- L-applikanti jridu jkunu fuq impjieg full-time u/jew part-time waqt li jattendu l-kors;
- Il-parteċipanti jridu jlestu b'suċċess il-kors (fil-każ ta' korsijiet mingħajr l-ebda assessjar, dan ifisser attendenza ta' mill-inqas 80% tal-kors).
L-applikazzjoni flimkien mad-dokumenti kollha mitluba għandhom jiġu sottomessi online lill-Jobsplus fi żmien 60 jum mill-aħħar ġurnata meta jitlesta l-kors. Bħala parti mill-proċess tal-applikazzjoni, l-applikanti se jkunu mitluba jissottomettu kopja tat-tliet (3) irċevuti tal-paga l-aktar riċenti li nħarġu mid-data minn meta spiċċa il-kors. F'każ ta' persuna li taħdem għal rasha għandha tippreżenta l-Kont ta' Qligħ u Telf. F'każ li l-applikant għandu aktar minn impjieg wieħed dan irid jippreżenta l-kopja tat-tliet (3) irċevuti tal-paga l-aktar riċenti għal kull impjieg.
F'dawk il-każijiet fejn iċ-ċertifikat ikun għadu ma nħariġx, l-individwi xorta jridu japplikaw f'dan il-perjodu ta' żmien ta' 60 jum. Tali applikazzjonijiet jibqgħu miżmuma sakemm jinħareġ iċ-ċertifikat.
L-applikanti jridu jissottomettu applikazzjoni għal kull kors li jattendu. F'dawk il-każijiet, fejn applikant jattendi aktar minn kors wieħed li huwa skedat matul l-istess perjodu, l-applikant għandu jissottometti applikazzjoni waħda għall-itwal kors. Eżempju: Kors A beda fit-12 ta’ Jannar u spiċċa fit-12 ta’ Marzu u l-kors B jkun sar matul l-ewwel ġimagħtejn ta’ Frar. F'dan il-każ l-applikant għandu japplika għall-kors A biss.
Jekk min-naħa l-oħra, l-applikant jattendi żewġ korsijiet u parti biss mill-korsijiet jikkoinċidu, allura l-applikant jista' japplika għaż-żewġ korsijiet. F’dan il-każ s-sussidju għall-ewwel kors jitħallas kollu (sakemm t-termini u l-kundizzjonijiet kollha jkunu sodisfatti), filwaqt li għat-tieni kors, is-sussidju jkun parzjali. Eżempju: Kors A jsir bejn it-12 ta’ Jannar u t-12 ta’ Marzu u l-kors B isir bejn it-12 ta’ Frar u t-12 ta’ April. F'dan il-każ s-sussidju għall-kors A jingħata kollu u għall-kors B ikun ikopri mit-13 ta' Marzu sat-12 ta' April.